L-esperjenza f'Assisi (3)

 

Minn Fontecolombo morna ħamest ijiem Santa Marija ta’ l-Anġli fil-pjanura taħt Assisi. Minn hawn żorna

La Verna - muntanja fejn San Franġisk kien jirtira biex jingħaqad ma Alla. Ir-relazzjoni tiegħu ma Alla kienet tant importanti għalih li kien ifittex li jingħaqad miegħu 5 darbiet fis-sena. Int f’xiex qed tinvesti f’ħajtek? fejn qed tqatta’ l-iktar ħin?

Kien isib l-ispazju fejn seta’ jkun hu, sempliċement preżenti, għerwien quddiem Alla. Kulħadd għandu bżonn spazju fejn jista’ jkun hu, fejn nistgħu inwaqqgħu l-maskri kollha tagħna. Franġisku kien jesprimi s-sentimenti tiegħu b’mod miftuħ. Kien jitkellem meta jiddjaloga m’Alla, jgħajjat meta jirrabja, jibki meta jħossu mdejjaq, ikanta meta jkun ferħan...kellu bżonn l-ispazju ta’ muntanja! Int għandek rokna fejn tista’ tħossok int?

Permezz tas-silenzju kien joħloq l-ispazju ġewwa fih biex jisma’ lil Alla. Għalfejn ma setax jagħmel dan fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum? Alla jitkellem b’mod konkret fil-fond ta’ qalbna u b’kull ma jdawwarna iżda fl-istess ħin b’mod sottili ħafna. Franġisku ta’ spiss kien iħoss il-bżonn li jittjunja lilu nnifsu biex jagħraf dawn il-messaġġi - "leħnek smajtu fil-ħemda tal-lejl". Wara kollox Ġesù stess kien imur jitlob waħdu fuq xi muntanja! Int toħloq l-ispazju ġewwa fik biex tara xi bżonnijiet għandek?

Hawn twaħħad ma Kristu meta tqaddes bl-istess stimmati li kellu Ġesù. L-imħabba twassal sabiex persuna tkun tixtieq taqsam ħajjitha b’mod speċjali mal-persuni li tħobb. Din għandha tkun iż-żerriegħa li twassal għaż-żwieġ. Il-valur tal-ħajja jinsab propju f’dan, jiġifieri f’li wieħed jagħraf jibni relazzjonijiet profondi ma persuni oħra. Persuna tintrabat ma persuna waħda biss biex tkun tista’ tidħol fil-fond ta’ dan il-misteru. Tagħżel li tillimita lilek innifsek biex idduq l-infinit (apparti li jistabilizza s-soċjetà). Iż-żwieġ jgħinek tidħol fil-fond tat-tifsira ta’ l-imħabba li hija l-unika ħaġa li tagħti togħma lill-ħajja. Tibża’ minn rabta bħal din? Għalxiex? Titlob commitment kbir – lilek innifsek – iżda min jitlef ħajtu minħabba fija jsibha (Mt 10,39). Fejn jidħol Alla fiż-żwieġ? Taħseb li kapaċi tgħix il-wegħdiet li tagħmel fiż-żwieġ? Il-wegħdiet li wieħgħmel fiż-żwieġ huma mpossibbli li wieħed jgħixhom fis-sħuħija tagħhom. Għalhekk iż-żwieġ nisrani jitlob l-għajnuna t’Alla biex jibqa’ fidil għal dak li jkun wiegħed. La Verna - San Frangisk jirtira biex jitwahhad ma min ihobb

San Damjan – Darba minnhom Franġisku daħal f’din il-kappella mwaqqa u beda jitlob bil-ħerqa biex Alla jurih x’kellu jagħmel f’ħajtu. F’daqqa waħda l-kurċifiss kellmu u qallu: "Franġisku, sewwi l-Knisja tiegħi li kif qed tara qiegħda tiġġarraf". Minnufih Franġisku irringrazzja lil Mulej ta’ din ir-rivelazzjoni u beda jirrestawra dik il-Knisja.

  1. Kemm tfittex li ssir taf x’direzzjoni għandek tagħti lil ħajtek?
  2. Tgerger jew taħdmu għal Knisja aħjar? Jista’ jibni biss dak li qed jara l-ħajt imġarraf, mela r-responsabiltà hija f’idejk, taħrabx minnha!
  3. Anka Franġisku kellu jerġa’ jinterpreta s-sejħa oriġinali. Tgħid hemm bżonn li terġa’ interpreta t-tagħlim nisrani int ukoll!?
San Damjan - gharaf x'ghandek taghmel u ghamlu!